Rif. Tagħna: 2024-01-OPM

29 ta’ Frar 2024

L-Onorevoli Prim Ministru Robert Abela LL.D. MP
Auberge de Castille
Pjazza Kastilja
Il-Belt Valletta

Prim Ministru,

DWAR: IR-RAPPORT TAL-INKJESTA PUBBLIKA DWAR IL-MEWT TA’ JEAN PAUL SOFIA

Nagħmel riferenza għar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li ġiet ippubblikata ilbieraħ filgħodu.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonjiet u konklużjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, nittama illi issa ma jibqa’ ebda dubju dwar il-kompetenza u l-ġenwinità tal-proposti li l-Kamra tal-Periti ilha tisħaq dwarhom sa mill-2019, permezz tad-dokument A Modern Building & Construction Regulation Framework u anke permezz ta’ diversi stqarrijiet, rapporti, u interventi f’laqgħat varji.

Huwa issa ċar iżjed minn qatt qabel illi l-Kamra hija interlokutur kredibbli u affidabbli għall-Gvern, li fuqu il-Kabinett kollu ser ikompli jsib fiha punt ta’ riferenza b’rakkomandazzjonijiet u inputs tekniċi tal-ogħla livell.

Għaldaqstant qiegħed formalment nitolbok laqgħa uffiċjali sabiex niddiskuti miegħek kif il-Kamra tal-Periti tista’ tkun ta’ sostenn tekniku għall-Gvern u sabiex id-diversi rakkomandazzjonijiet li għamel il-Bord jiġu żviluppati f’ambitu ta’ qafas regolatorju koerenti u ppjanat minn qabel mingħajr impulsività żejda, iżda fl-istess ħin b’determinazzjoni u kunfidenza għaliex taf li ser ikollok il-Kamra tal-Periti tappoġġak bl-aħjar mod.

F’din il-laqgħa nixtieq ukoll li niddiskutu l-futur tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni illi sallum ma rnexxilhiex issib saqajha sew, minkejja illi għaddew kważi tliet snin mit-twaqqif tagħha, u mhux jirnexxielha tilħaq l-aspettattivi tal-Gvern li tmexxi inti u dik tal-opinjoni pubblika in ġenerali.

Nittama illi nisma’ mingħandek f’qasir żmien u nikkonferma l-appoġġ sħiħ tal-Kamra tal-Periti lill-Gvern immexxi minnek sabiex jitwettqu ir-riformi meħtieġa kollha.

Perit Andre Pizzuto
President, Kamra tal-Periti